It-Traduzzjoni
It-traduzzjoni hija l-komunikazzjoni u l-interpretazzjoni ta’ test fiss (ġeneralment miktub) mill-lingwa oriġinali tat-test sors għall-lingwa mira. L-interpretazzjoni tiġi, ħafna drabi, identifikata bħala traduzzjoni. Differenza importanti bejn it-traduzzjoni u l-interpretazzjoni hija li fit-traduzzjoni t-test sors huwa fiss u għalhekk jista jiġi kkonsultat kontinwament, waqt li t-test sors għall-interpretazzjoni mhuwiex fiss (għax jiġi kkomunikat bil-fomm).
Storja
L-oriġini tal-lingwa madwar 100,000 snin ilu u tal-kitba madwar 5000 snin ilu jifformaw il-bażi ta’ l-iżvilupp tat-traduzzjoni. Traduzzjonijiet magħrufa jservu bħala punti ta’ referenza għall-ittraċċar tal-linja ta’l-istorja. Ftit huwa magħruf dwar l-istorja tat-traduzzjoni f’kulturi barra mill-Ewropa, per eżempju fil-Mediterran. L-istess jista jingħad dwar in-nuqqas ta’ riċerka ta’ l-istorja ta’ l-interpretazzjoni, għalkemm din żgur hija eqdem minn dik tat-traduzzjoni, minħabba li tpartit ta’ informazzjoni bil-fomm kienet aktar importanti fil-passat.
Waħda mill-ewwel instanzi tat-traduzzjoni hija minn 247 BC meta ġie miktub is-Septuagint. Din hija traduzzjoni tat-Testament il-Qadim mill-Lhudi għall-Grieg li saret minn 72 tradutturi f’72 jiem. L-inskrizzjoni fuq ir-Rosetta Stone datata madwar 196 BC, hija miktuba b’żewġ lingwi u tlett skritti differenti: b’żewġ skritti differenti ta’ l-Eġizzjan u bil-Grieġ.
It-traduzzjonijiet dejjem kellhom irwol importanti fil-komunikazzjoni ta’ għarfien bejn persuni differenti. Huwa possibbli li titraċċa kif l-informazzjoni ġiet iċċirkolata permezz ta’ ħarsa lejn ċerti perjodi meta traduzzjonijiet numerużi kienu qed jiġu magħmla. Ruma l-antika kienet ċentru ta’ attività tat-traduzzjoni fejn letteratura Griega kienet qed tiġi tradotta fil-Latin. Skritturi teoretiċi dwar il-litteratura u r-retorika joriġinaw mnn dan iż-żmien. Illum għadu jiġi diskuss dwar traduzzjoni kelma b’kelma jew traduzzjoni iżjed libera.
Figura prominenti fl-istorja tat-traduzzjoni hija Hieronymus (ca.331-429 AD), li ġie kkanonizzat u llum huwa meqjus bħala l-qaddis patrun tat-tradutturi. Hieronymus ġie nkarigat mill-Papa Damascus I sabiex ilesti traduzzjoni tal-Bibbja bil-Latin fuq bażi ta’ testi Griegi rikonoxxuti. Snin wara għamel ukoll traduzzjoni tat-Testament il-Qadim mill-Lhudi. Il-verżjoni tal-Bibbja tiegħu bil-Latin kienet, għal żmien twil, it-test awtorattiv għall-Knisja Kattolika Rumana. Fis-sekli 9 u 10, Bagdad sar punt fokali ieħor tat-traduzzjoni. Xogħlijiet xjentifiċi ġew tradotti mill-Grieg għall-Għarbi, jiġifieri fid-Dar ta’ l-Għerf. Dawn it-traduzzjonijiet kellhom rwol importanti fl-iżvilupp ta’ l-ixjenza fl-Ewropa tal-Medjuevu. Dan ifforma l-bażi ta’ ċentru ikbar tat-traduzzjoni,dak l jissejjaħ “Toledo School of translation”. Fis-sekli 12 u 13 testi b’oriġini Għarbija u Griega ġew tradotti fil-Latin,u aktar tard fl-Ispanjol. Il-perjodu tar-Rinaxximent, li beda l-Italja fis-seklu 14, determinat b’żdieda ta’ interess mill-ġdid f’testi antiki, irriżulta f’żieda kbira fit-traduzzjoni. Dan, flimkien maż-żieda fix-xerda ta’ l-informazzjoni miktuba li sar permezz ta’ l-iżvilupp tal-proċess ta’ l-istampar sal-perjodu tar-Riformazzjoni. Ħafna riformaturi kienu wkoll tradutturi tal-Bibbja, l-aktar magħruf fil-Ġermanja huwa Martin Luther. Luther ried li l-kontenut tal-Bibbja jiġi stampat bil-lingwa Ġermaniża mhux soffistikata biex kulħadd ikun jista jifhmu. Fl-“Ittra mill-interpreti” tiegħu jispjega l-kunċett tat-traduzzjoni. Il-Bibbja Luterana kienet ta’ tifsira importanti mmens fl-iżvilupp u l-istandardizzazzjoni tal-lingwa Germaniża.Epoka oħra importanti għat-traduzzjoni fid-dinja tal-Ġermaniż kein il-perjodu Romantiku. Traduzzjonijiet litterarji minn lingwi Ewropej differenti għall-Ġermaniż kellhom irwol importanti, inkluż it-traduzzjoni ta’ Shakespeare minn Schlegel Tiecksche, li għadha tinqara llum. Fil-perjodu Romantiku diversi intellettwali ħadmu fuq it-teoriji dwar it-traduzzjoni, inklużi Johann Wolfgang von Goethe, Friedrich Schleiermacher u Wilhelm von Humboldt.
Fis-seklu 20 kien hemm żieda qawwija fit-traduzzjoni speċjalizzata minħabba żvilupp ta’ relazzjonijiet internazzjonali. Kien hemm ukoll żieda fit-teorija xjentifika li fformat il-bażi ta’ taħriġ tat-tradutturi u l-interpeti tal-lum. Teoriji tat-traduzzjoni aktar antiki huma ta’ l-opinjoni li t-traduttur għandu jikkonsidra diversi aspetti possibbli tat-test sors (per eżempju metafori u tqabbil, il-mod ta’ l-emfasi u progressjoni tematika, struttura tas-sentenza, varjanti lingwistiċi bħad-djaletti, eċċ.). Iżda teoriji aktar riċenti huma tal-fhema li diversi aspetti tat-test sors għandhom jingħataw prijoritajiet differenti biex it-traduzzjoni tilqa d-domanda speċifika tal-qarrej tat-test bil-lingwa mira. Dawn id-domandi huma infuwenzati minn fatturi esterni għat-test, bħal mhuwa l-post u l-ħin, l-intenzjoni tat-traduttur, l-eċċezzjonijiet tar-riċevitur tat-traduzzjoni, konvenzjonijiet għal testi partikolari fil-lingwa u l-kultura mira eċċ.
Problemi tat-traduzzjoni
Ekwivalenza
L-ekwivalenza hija problema ewlenija fit-traduzzjoni. It-test bil-lingwa mira għandu jkun relatat mat-test tal-lingwa sors u jilqa d-domandi tal-qarrej tat-test bil-lingwa mira. Permezz tat-traduzzjoni il-qarrej għandu jħossu aktar qrib tal-karatteristiċi tal-kultura u l-lingwa oriġinali, jew għandu jkun provvdut b’test li jilħaq l-iskop tiegħu fil-kultura u l-lingwa mira. Fit-traduzzjoni litterarja, per eżempju, xi struttura grammatikali fil-lingwa sors taf tiddetermina l-istil tat-test mira. Traduzzjoni kelma b’kelma b’devjazzjoni kbira mill-użu regolari u stil tal-lingwa mira ma tagħmilx sens. Għalhekk traduzzjoni tiġi ġġudikata fis-sens ta’ kemm iżżomm it-tifsira fit-test oriġinali, bla ma żżid jew tnaqqas minnu, kif ukoll fis-sens ta’ kemm jidher trasparenti lill-qarrej nattiv tal-lingwa mira u kemm jikkonforma ma’ konvenzjonijiet grammatikali, sintattiċi u idjomatici tal-lingwa.
Suġġettività
Numru ta’ fatturi suġġettivi jaffettwaw il-proċess tat-traduzzjoni:
- l-għażla tat-tradutturi bejn varjanti ta’ testi bil-lingwa mira
- is-sensittività tat-traduttur għal tagħrif kulturali u soċjali
- ir-riċeviment u l-interpretazzjoni tat-test sors (ermenewtika)
- deċiżjonijiet differenti metodikali u tekniċi għal proċessi ta’ analiżi u evalwazzjoni
- l-opinjoni tat-traduttur (relatata mal-funzjoni, skop u strateġija tat-traduzzjoni)
Implikazzjonijiet filosofiċi
It-traduzzjoni hija soġġetta għal numru ta’ kontroversji filosofiċi, inkluż l-ermenewtika, l-filosofija tal-lingwa u l-epistemoloġija. L-ermenewtika tinvolvi l-fenomena ta’ traduzzjoni bħala esperjenza b’distanza . Jiġifieri traduzzjoni għandha tikkonsidra l-istorja u-t-tradizzjoni tat-test fil-lingwa sors. Trasferiment sempliċi tal-kontenut tat-test mill-lingwa sors għall-lingwa mira mhux biżżejjed.
It-traduttur għandu jiddeċiedi jekk jagħmilx bidliet fit-test sors biex
iqarrbu lejn il-lingwa mira biex jaħbi l-aspett barrani tat-test, jew
jekk għandux jipprova jirrifletti dan fil-lingwa barranija u fil-kuntest
permezz
tal-lingwa mira. Iż-żewġ metodi huma leġittimi.
Il-filosofu Quine stqarr li huwa impossibbli tpoġġi n-numru kbir ta’
varjazzjonijiet possibbli tat-traduzzjoni fi skala ta’ importanza u li
kull traduzzjoni
ta’lingwa tirrikjedi l-esperjenza.
Għallanqas huwa possibbli li żżomm it-tifsira espliċita fit-traduzzjoni,
jekk ma jkunx dejjem possibbli li tirrifletti l-konnotazzjonijiet suġġettivi
kulturali u/jew emozzjonali tal-frażi fil-lingwa sors.
Fil-prinċipju kollox jista jiġi espress u tradott f’diskors uman naturali.
Jekk ma jkunx hemm kliem addatat fil-lingwa mira għal uħud mit-termini
u kunċetti, dawn jiġu espressi b’xi mod ieħor, bħal per eżempju permezz
ta’ strutturi morfoloġiċi, bidla fl-istrutturi tas-sentenza jew verb
u l-pożizzjoni tan-nomini, parafrażi, u metodi oħra.
Dawn il-problemi tal-lingwa, t-tifsira u s-sens tal-kelma joħolqu diffikultajiet fit-traduzzjoni, bħal ma jkun ta’ spiss l-argument fil-filosofija tal-lingwa.
Traduzzjoni litterarja.
Traduzzjoni litterarja hija x’aktarx l-aktar magħrufa u l-aktar forma ta’
traduzzjoni argumentata għalkemm hija biss parti żgħira tas-suq tat-traduzzjoni.
Tradutturi litterarji jaqilgħu inqas flus minn tradutturi ta’ testi fi
speċjalizzazzjoni oħra. Għalhekk din l-għażla ta’ karriera kważi dejjem
issir minħabba entużjażmu personali għal xi lingwa u kultura speċifika.
Tradutturi litterarji u tradutturi ta’ testi reliġjużi u storiċi ta’
spiss iżommu, fejn possibbli, ma’dak tas-sors. It-traduzzjoni hija spiss
ikkomplikata minħabba l-forma tat-test u strumenti stilistiċi oħra, bħal
per eżempju, slang u metafori, eċċ. Dan ifisser li t-tradutturi spiss
jiġbdu l-limiti tal-lingwa mira biex jipproduċu test mhux idjomatiku.
Hekk ukoll, traduttur litterarju għandu mnejn ikun irid jaddotta kliem
jew espressjonijiet mill-lingwa sors biex jagħmel referenza għall-kuntest
u l-lewn oriġinali tat-test.
Traduzzjonijiet litterarji għandhom rwol importanti fl-iskambju interkulturali, d-dehra ta’ kulturi oħra f’ċerti pajjiżi u l-iżvilupp ta’ kulturi u l-identitajiet nazzjonali. Hekk kien ġara fil-litteratura barranija tal-perjodu Romantiku fil-Ġermanja, meta ħafna xogħlijiet ta’ diversi kittieba Ewropej, bħal dawk ta’ Shakespeare u Cervantes ġew tradotti minn August Wilhelm von Schlegel, Dorothea Tieck u Ludwig Tieck, traduzzjonijiet li kollha għadhom jintużaw illum.
Traduzzjoni bl-assistenza tal-kompjuter u bil-magna
Traduzzjoni bil-magna hija proċedura li titraduċi awtomatikament permezz
ta’ programm tal-kompjuter bla l-ebda intervenzjoni umana. Iżda it-traduzzjonijiet
magħmulin b’dan il-proċess mhumiex ta’ kwalità tajba daqs it-traduzzjonijiet
magħmulin minn nies. Insibu, iżda, diversi riżorsi tekniċi utli, per
eżempju dejtabejżis tat-terminoloġija u sistemi tal-memorja tat-traduzzjoni
li jagħrfu awtomatikament frażijiet li diġa ġew tradotti u miżmuma fil-memorja.
L-Internet jaf ikun ukoll għodda utli għall-iċċekkjar ta’ jekk frażijiet
ta’ termini speċjali jeżistux fil-lingwa mira.

